Dwar il-proġett

Merħba!

Merħba fil-paġna tal-proġett Ewropew “ENTREE – ENhancing Teacher REsilience in Europe”!  L-għan ta’ ENTREE huwa li jgħin lill-għalliema ġodda biex isaħħu r-reżiljenza tagħhom quddiem l-isfidi dejjem jiżdiedu ta’ ambjent tal-iskola li qed jinbidel b’rata mgħaġġla. Il-proġett huwa bbażat fuq l-implimentazzjoni ta’ korsijiet  ta’ żvilupp professjonali li jsaħħu r-reżiljenza tal-għalliema. Bħala għalliem parteċipant int tkun tista’ tagħmel użu minn għodda ta’ riflessjoni li teżamina u tassessja r-reżiljenza tiegħek. Ir-risposti jiggwidaw il-parteċipazzjoni personalizzata tiegħek f’korsijiet ta’ taħriġ online. Fuq dan is-sit tista’ ssib dawn il-korsijiet, l-għodda ta’ valutazzjoni tiegħek innifsek u webinars live. Nagħtuk ukoll materjal u pubblikazzjonijiet dwar ir-reżiljenza tal-għalliema.

Abbona għall-aħbarijiet: Ingħaqad mal-Komunità ENTREE u tirċievi informazzjoni dwar il-proġett wara li tabbona għat-taqsima tal-aħbarijiet! Aħna ninfurmawk dwar avvenimenti importanti eż. meta l-għodda ta’ valutazzjoni tiegħek innifsek u l-moduli tat-taħriġ ikunu disponibbli.

Informazzjoni dwar il-proġett

Il-proġett ENhancing Teacher REsilience in Europe (ENTREE) huwa mnebbaħ
mix-xejriet Ewropej u internazzjonali li jagħrfu l-ħtieġa li nħarsu u nsaħħu s-saħħa u l-iżvilupp  tal-għalliema. Huwa għandu l-għan li jgħin lill-għalliema biex jibnu l-kapaċità għar-reżiljenza quddiem l-isfidi dejjem jiżdiedu ta’ ambjent tal-iskola li qed jinbidel b’rata mgħaġġla. F’dan il-kuntest, bir-reżiljenza aħna nifhmu l-proċess li permezz tiegħu l-għalliema jegħlbu l-isfidi fil-prattika ta’ kuljum tat-tagħlim u jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità għall-istudenti kollha.
ENTREE jipprovdi opportunitajiet differenti ta’ tagħlim li jgħinu lill-għalliema jirnexxu minkejja l-isfidi ta’ kuljum fix-xogħol tagħhom. Permezz tal-użu ta’ għodda ta’ valutazzjoni tagħhom infushom, l-għalliema jistgħu jippersonalizzaw it-tagħlim tagħhom billi jieħdu sehem f’attivitajiet  online u wiċċ imb’wiċċ biex jibnu l-kapaċità tagħhom fir-reżiljenza. L-attivitajiet huma mnebbħa minn mudell kollaborattiv u riflettiv li jrawwem l-iżvilupp ta’ komunitajiet ta’ appoġġ tal-għalliema.
ENTREE jsaħħaħ ukoll il-kompetenzi tal-għalliema u jgħin lill-kapijiet tal-iskejjel jagħrfu kif l-aħjar jistgħu jgħinu  lill-għalliema jsiru aktar reżiljenti. L-aċċenn speċifiku fuq ir-reżiljenza tal-għalliema jtejjeb il-kwalità tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema fl-Ewropa. ENTREE huwa proġett parzjalment iffinanzjat mill-Programm għat-Tagħlim tul il-Ħajja tal-Kummissjoni Ewropeja u huwa appoġġjat minn tim internazzjonali ta’ esperti minn 5 pajjiżi Ewropej u l-Awstralja.